Theme Preview Rss

Tagħrif fuq il-pjanta Ilsien in-Nisa


Ta' min jgħid li l-pjanti minn barra li jsebbħu fejn ikunu, jnaddfu wkoll l-arja. Il-pjanti jassorbu il-carbon dioxide matul il-ġurnata u jagħtuna l-ossiġnu. Il-pjanti li qiegħda nitkellem fuqhom huma effettivi biex ineħħu wkoll kimiċi tossiċi bħal Formaldehyde, Benzene, Toluene u oħrajn. Dawn il-kimiċi tossiċi jistgħu jkunu moħbija fid-dar tagħna, fil-prodotti, żebgħa, eċċ. Kull pjanta tassorbi madwara fi spazju ta 9m2.





Din il-pjanta jisimha Ilsien in-Nisa bil Malti, Sanseviera bil-Latin, Mother in law's tongue bl-Ingliż. Imsemmiha għal Raimond De Sansgrio li kien il-prinċep ta' Sanseviero (1710 - 1771) u kien patrun Taljan tal-ortikultura. 
Nagħmlu marka biex
inkunu nafu fejn hu isfel

Din il-pjanta tassorbi il-kimika formaldehyde u hija faċli biex tkabbarha. Il-weraq tagħha huma differenti minn ta' pjanti oħra u hemm erba' kwalitajiet ta' weraq, it-tawwalin u l-qosra. Din il-pjanta ma tistax tagħtiha ħafna ilma speċjalment fix-xitwa għax titħassar u trid ħafna dawl imma fid-dell tgħix ukoll. Tisprejjax ilma fuqha għax tħobb atmosfera xotta u agħtiha fertiliżżant kull tliet gimgħat fis-sajf. Din tħobb tkun ġo qasrija zgħira sa ma tixpakka u trid tbiddel l-qasrija tagħha (re potting) bejn kull sentejn jew tliet snin.

Użajt kontenitur li kien bit-
tadam bħala propagator
Użajt il-kontenitur li
kellu l-laħam ippakjat fih
biex jilqa' l-ilma
Titnissel billi taqta' l-weraq biċċiet daqs bejn wieħed u ieħor pulzier jew tnejn u trid toqgħod attent/a li minn fejn qtajt trid timmarkah qabel ma ddeffisha fir-ramel jew kompost bil-perlite. Wara saqqiha u għattiha bil-plastik f'temperatura ta' 21°C sa ma tinbet. Meta jkollha minn tnejn sa tliet werqiet poġġihom fi qsari zagħar. Tista' tnissel ukoll billi tħalli l-weraq fl-ilma ġo vażett sa ma jkollha l-għeruq, pero tieħu ħafna xhur biex toħrog l-għeruq. Tista' tnissel ukoll billi tofroqha. Tajjeb li tkun taf li meta din il-pjanta għandha x-xifer tal-weraq sofor, l-aħjar hu li tnissilha billi tofroqha biex il-weraq jibqgħu sofor fix-xifer. Jekk tnissilha bil-biċċiet il-weraq jiġu kollha ħodor.





Jekk tkun trid aktar informazzjoni tista tħalli kumment jew tikkuntattjani.

Agħfas "Like" jekk jogħġbok l-artiklu.

Żomm ruħek aġġornat/a

Ikteb l-email tiegħek