Theme Preview Rss

Dwari


Jiena Josephine Chetcuti, noqgħod ġewwa Ħal-Qormi u għandi wieħed u ħamsin sena.

Meta kelli tnax-il sena jiena kont nieħu sehem mal-grupp C.P.A.R fejn kien ikollna attivitajiet bħal mima u żfin folkloristiku. Konna nkunu mistiedna f’diversi okkażżjonijiet kulturali. Wara bdejt anke nitgħallem indoqq il-kitarra.

Minn ċkuniti kont dilettanta naħdem bil-labar tas-suf. Dan wassalni biex ta’ għoxrin sena bdejt naħdem il-ġersijiet kemm b’idi kif ukoll bil-magna u saħansitra anke naqla l-flus minnhom. Komplejt nagħmel dan ix-xogħol fil-Kanada, fejn għext għal tliet snin u skoprejt delizzju ieħor li kien il-kura tal-pjanti.

Meta ġejt lura Malta kont bdejt nirrapreżenta l-genituri fil-kunsill tal-iskola primarja kif ukoll ngħin fil-bazaars tal-iskola u ngħallmu lill genituri xi krafts u kif jieħdu ħsieb il-pjanti. Ma’ dawn l-istess ġenituri, kont għaqqadt għaqda biex nagħtu daqqa t’id fl-Għammieri billi niżirgħu l-fjuri biex ikunu jistgħu ibiegħuhom, u il-qliegħ kien imur għan-nies neqsin mid-dawl.

Wara bdejt naħdem mal-anzjani billi ngħinhom fix-xogħol tad-dar tagħhom. Sa dan it-tant bdejt nagħmel riċerka fuq kif nista nieħu ħsieb id-dar meta mara tkun qiegħda taħdem. Ħaġa ġġib lill oħra, skoprejt li fid-dar hemm tniġġiż tal-arja iżjed milli hemm barra. Komplejt infittex fuq dan u skoprejt ħafna affarijet differenti li jagħmlu il-ħsara.

Wara li waqaft naħdem mal-anzjani bdejt nieħu sehem fil-proġett “Care Creates Change In People’s Lives And The Environment” li kien twil sena u nofs, dan kien vast ħafna u jinkludi l-immaniġjar tal-iskart, suġġetti akademiċi, u ħafna oħrajn. Dan spicca f’Dicembru tal-elfejn u ħdax u minn hemm komplejt noħloq kuxjenza fuq it-tniġġiż ta’ arja u kimiċi tossiċi li jistgħu jwasslu għal-kanċer.

Sibni fuq Facebook

Żomm ruħek aġġornat/a

Ikteb l-email tiegħek