Theme Preview Rss

Ftuħ tal-blog


Illum se niftaħ uffiċjalment dan il-blog li huwa dwar is-saħħa ambjentali li jikkonsisti fuq, kif nistgħu nżommu l-arja ta’ ġewwa aktar nadifa billi nnaqsu kimiċi tossiċi li qegħdin jikkawżawlna ċertu mard bħal Kanċer, Ażżma, mard fil-kliewi, fil-fwied u oħrajn, kif nimmaniġjaw l-iskart, billi nnaqsu, nerġgħu nużaw u nirriċiklaw fost oħrajn, u kif nistgħu nsebbħu d-dar tagħna bil-pjanti u fjuri. Fuq kollox l-ambjent jibda mid-dar...

Xi jfisser li tkun favur l-ambjent?

Nistħajjel wieħed jgħid, “Jien waħdi x’differenza se nagħmel?”.
Id-differenza hi li int tkun qiegħed/a tipproteġi lil familja tiegħek. M’hemmx għalfejn tkun sinjur biex tkun favur l-ambjent, fil-fatt meta tkun favur l-ambjent inti tkun qiegħed/a tgħix b’mod iżjed ekonomiku, għax tkun qiegħed/a tiffranka l-flus. Nannietna kellhom ħajja iżjed iebsa, kienu jużaw affarijiet naturali biex inaddfu u biex ifiequ. Dawn kienu jaħdmu sew fil-passat kif ukoll f’dawn iż-żminijiet.

Aħna llum għandna l-kumdita li qiegħda titfana fil-periklu. Id-djar tagħna qegħdin imarduna b’velenu inviżibbli, b’arja mniġġsa, b’irwejjaħ artifiċjali li nsibu fil-kożmetiċi, prodotti tat-tindif, sprejs li jfewħu d-dar, il-pestiċida, il-fertilizzanti li minflok qegħdin jagħmlu l-ġid dawn qiegħdin jagħmlu l-ħsara u ħafna oħrajn.

Meta bdejt nitgħallem fuq il-prodotti li nuża kuljum fid-dar tiegħi ġejt f’sikkti, għidt “dan ġo dari, aħseb u ara madwar id-dinja”. Matul il-ġurnata inti qiegħed/a tmiss ma’ mijiet, forsi eluf ta’ kimiċi li ġejjin minn dak li jżidu mal-ikel, prodotti tal-ħasil, kimiċi oħra li nsibu fiż-żebgħa li hemm mal-aperturi, mal-ħitan, fil-kolla li hemm fl-injam ippressat, fil-lostru li hemm fuq l-għamara, mis-saqqu u ħafna oħrajn. L-arja ta’ ġewwa tista’ tkun imniġġsa ħames darbiet iżjed minn dik l-arja ta’ barra, din tista’ tfixkel il-konċentrazzjoni, il-memorja u dak kollu li l-moħħ għandu bżonn, għaliex aħna nqattgħu 90% tal-ħin tagħna ġewwa u għalhekk qegħdin inkunu esposti għat-tniġġis ta’ arja fid-djar tagħna, fl-iskejjel u fuq il-post tax-xogħol. Dan għaliex l-arja ta’ barra qiegħda tiċċirkola l-ħin kollu, filwaqt li ta’ ġewwa tkun qiegħda tistagħġna u maqbuda, speċjalment fejn hemm tapiti u ventilazzjoni ħażina li jagħmluha iżjed diffiċli biex l-arja mniġġsa toħroġ barra. Skont W.H.O, it-tniġġis ta’ arja ġewwa, twassal għal 1.6 miljun ta’ mwiet fis-sena.

Mela int, jekk trid tibda’ tkun konxju/a tal-pariri tiegħi, segwi dan il-blog fejn se nkun qiegħda nagħti informazzjoni u metodi differenti biex int tkun tista’ tużahom u issegwihom mill-kumdita ta’ darek.

Ħalli kumment jew ikkuntattjani.

JosephineChetcuti.com - Saħħa Ambjentali



Żomm ruħek aġġornat/a

Ikteb l-email tiegħek