Theme Preview Rss

African Violet

Imsemmija ghal Baruni Walter Von Saint Paul-Illaire. (1860-1910) Huwa Ġermaniż, sab il-pjanta St Paula jew African Violet gol-Afrika tal-lvant, fl-aħħar tas-seklu dsatax. Din tassorbi l-kimika formaldehyde.


Hija pjanta li tgħix ġewwa, l-aktar post tajjeb għaliha huwa fuq il-ħoġor tat-tieqa jew maġemb tieqa, għax tħobb ħafna d-dawl imma mhux xemx diretta. Ma tħobbx il-kurrent u kif ikollha l-weraq u l-fjuri nexfin, neħħihom mill-ewwel. Il-weraq iridu jinqatgħu minn isfel kemm jista' jkun. Meta din il-pjanta tkun mimlija bil-weraq, ikun diffiċli biex tinduna jekk il-kompost hux niexef jew le. Għalhekk nindunaw jekk għandiex bżonn l-ilma meta nħossuha ħafifa u nsaqquha billi nagħmluha ġo sjuna bl-ilma għal nofs siegħa. Wara nħalluha tqattar ġo plattina bi żrar niedi biex inżidulha l-umdita. Dejjem inħalluha tixxotta bejn tisqija u oħra. Kull ġimgħatejn fir-Rebbiegħa u s-Sajf, nagħtuha fertiliżżant, l-istess wieħed li nużaw għat-tadam biex jagħmlu l-fjuri. Iżda nużaw nofs id-doża għal pjanti ż-żgħar. Nibdlu l-qasrija fir-Rebbiegħa kull sentejn billi nużaw kompost. Meta nnislu bil-werqa maz-zokk, nagħmluha ġo qasrija żgħira b'taħlita ta' peat u perlite, u nżommuha ġo post sħun. Nistgħu wkoll nagħmlu z-zokk bil-werqa ġo vażett bl-ilma, u kif joħorġu l-għeruq madwar pulzier twal, inħawluhom. Tista' titnissel biż-żerriegħa wkoll. Importanti li l-weraq ma jixxarbux u jitfarfru bill pinzell.

Jekk tkun trid aktar informazzjoni tista' tħalli kumment jew tikkuntattjani.
Agħfas "Like" jekk jogħġbok l-artiklu.

Żomm ruħek aġġornat/a

Ikteb l-email tiegħek